- Wirja: Ir-Riunifikazzjoni tal-Ġermanja
- Il-Parlament Ewropew u l-isfidi tar-riunifikazzjoni tal-Ġermanja
Għall-MPE, il-prospett tar-riunifikazzjoni tal-Ġermanja kien opportunità storika biex finalment tingħeleb darba għal dejjem id-diviżjoni tal-Ewropa u jissaħħu l-bilanċi politiċi, jitrawwem il-proċess ta' tnaqqis tat-tensjoni u tal-paċi, tiġi stimulata l-kooperazzjoni bejn il-popli tal-Ewropa u jiġu kkonsolidati d-demokrazija u l-pluraliżmu fil-kontinent Ewropew kollu. Filwaqt li l-Kunsill Ewropew ħadem matul ix-xhur biex jistabbilixxi pożizzjoni komuni tat-Tnax-il Stat Membru dwar il-"kwistjoni Ġermaniża", il-Parlament Ewropew f'ħafna okkażjonijiet saħaq li l-unifikazzjoni tal-Ġermanja għandha tkun akkumpanjata minn tisħiħ tal-Komunità Ewropea u minn evoluzzjoni lejn unjoni politika li tinkludi l-aspetti kollha tal-politika esterna u s-sigurtà. U kien quddiem il-MPE li l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jacques Delors iddikjara f'Jannar 1990 li r-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja kellha postha fil-Komunità Ewropea jekk hija titlob dan.
Fil-15 ta' Frar 1990, il-Parlament Ewropew waqqaf kumitat temporanju biex jistudja l-impatt tal-proċess tal-unifikazzjoni tal-Ġermanja fuq il-Komunità Ewropea. Maħtur bħala rapporteur, il-MPE Brittanniku Alan John Donnelly iddefinixxa l-prijoritajiet u t-triq 'il quddiem. F'kooperazzjoni mill-qrib mal-Alleati, iż-żewġ Stati Ġermaniżi nnegozjaw direttament id-dettalji politiċi, ekonomiċi u finanzjarji tal-unifikazzjoni, u d-data effettiva tagħha finalment ġiet stabbilita għat-3 ta' Ottubru 1990. Fl-istess ħin, għal disa' xhur sħaħ, il-kumitat temporanju dwar l-"Unifikazzjoni tal-Ġermanja" kien iċ-ċentru tal-attivitajiet tal-Parlament dwar dan is-suġġett.
L-għoxrin membru tal-kumitat temporanju – inklużi tliet ex ministri tal-Affarijiet Barranin – iffokaw l-ewwel fuq l-arranġamenti tal-unifikazzjoni tal-Ġermanja u l-konsegwenzi possibbli tagħhom fuq il-funzjonament tal-istituzzjonijiet Komunitarji. Il-Kumitat għall-"Unifikazzjoni tal-Ġermanja" ad hoc qajjem dubji b'mod partikolari dwar il-ħtieġa għal reviżjoni tat-Trattati Ewropej. Huwa eżamina wkoll l-implikazzjonijiet baġitarji u finanzjarji tal-inkorporazzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-Komunità Ewropea. Fl-aħħar nett, il-kumitat temporanju ta attenzjoni speċjali lill-obbligi kummerċjali tar-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja u lill-impatt tal-unifikazzjoni tal-Ġermanja fuq l-alleanzi militari. Bħala parti mill-ħidma tiegħu, il-kumitat temporanju ġabar l-opinjonijiet tal-kumitati permanenti tal-Parlament sabiex jivvaluta aħjar l-impatt tal-unità tal-istat tal-Ġermanja fuq l-oqsma ta' politika u l-politiki komuni tal-Komunità Ewropea.
Fl-istess ħin, mingħajr ma stennew l-eżitu tal-ħidma tal-kumitat temporanju, il-MPE adottaw sett ġdid ta' riżoluzzjonijiet importanti, b'mod partikolari f'April, Lulju u Ottubru 1990, dwar ir-rispons tal-Komunità għall-unifikazzjoni tal-Ġermanja u fuq l-implikazzjonijiet tagħha għall-proċess Komunitarju. F'dawn it-testi, il-Parlament Ewropew qies li l-Ġermanja magħquda kellha tikkontribwixxi għat-tisħiħ politiku u ekonomiku tal-Komunità, tagħti spinta lill-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-ex Repubblika Demokratika tal-Ġermanja u tal-Komunità, iżda wkoll twassal għal rabta effettiva bejn il-Komunità u l-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.