- Wirja: Ir-Riunifikazzjoni tal-Ġermanja
- Il-waqgħa tal-Ħajt ta' Berlin
Matul il-lejl bejn id-9 u l-10 ta' Novembru 1989, il-waqgħa tal-Ħajt ta' Berlin tissimbolizza għad-dinja kollha it-tmiem ta' epoka. Għall-Ġermaniżi jintemm il-perjodu twil ħafna ta' wara l-gwerra. Wara tmienja u għoxrin sena ta' firda furzata, il-familji u l-ħbieb sa fl-aħħar reġgħu ngħaqdu. Avolja kien jidher li ġara kollox f'daqqa, iċ-ċittadini tar-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja kien ilhom bosta xhur jipprotestaw fit-toroq biex jitolbu tibdil politiku u ekonomiku. Il-gvern tal-Ġermanja tal-Lvant, li kien kontra r-riformi tal-glasnost u tal-perestroïka li kienu ddaħħlu mill-Unjoni Sovjetika ftit snin qabel, u li sab ruħu mingħajr ħila li jwaqqaf l-eżodu ġdid tal-popolazzjoni tiegħu lejn il-punent, ġa kien qiegħed bilkemm iżomm il-poter.
Fid-9 ta' Novembru, fil-bidu ta' dik il-lejla, il-kelliem tar-reġim issorprenda lill-ġurnalisti meta b'mod konfuż iddikjara li ċ-ċittadini tar-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja issa setgħu jitilqu mill-pajjiż billi jgħaddu minn kwalunkwe punt ta' kontroll fuq il-fruntiera u mingħajr ebda awtorizzazzjoni partikolari. Malli l-midja tal-Punent xandret din l-aħbar, hija kellha effett immedjat : eluf ta' ċittadini ta' Berlin tal-Lvant inġabru fil-punti ta' kontroll fuq il-fruntiera. Megħluba u nieqsa minn istruzzjonijiet ċari, il-gwardjani tal-fruntieri tellgħu il-barrieri. Għall-ewwel darba wara kważi tletin sena, iċ-ċittadini ta' Berlin tal-Lvant setgħu liberament imorru n-naħa l-oħra tal-ħajt. Il-Purtiera tal-Ħadid kienet waqgħet; l-istorja mxiet.
Isma' l-podcast
Il-Parlament Ewropew, il-waqgħa tal-Ħajt ta' Berlin u r-riunifikazzjoni tal-Ġermanja